2.Grazzi, Sur President,
għat-tjubija li personalment urejt tul iż-żjara tiegħi
għad li qasira. Il-gratitudni tiegħi tmur anke lejn il-Prim Ministru
u l-Gvern, il-forzi armati u l-pulizija, u lejn dawk kollha li b’xi mod jew ieħor
assistew għal dan il-pellegrinaġġ tiegħi. Naf li dan għamiltuh
b’sagrifiċċju u bi mħabba. Inroddilkom ħajr minn qalbi.
Iż-żjara tiegħi kienet waqt ta’ komunjoni
ntensa mal-Arċisqof Mercieca, l-isqof Cauchi u l-isqof Depasquale, u
mal-qassisin, reliġjużi u l-lajċi. Lill-knejjes ta’ Malta u Għawdex
ngħidilkom biss dan: kunu lejali lejn San Pawl, il-missier tagħkom
fil-fidi f’dawn il-gżejjer, ibqgħu f’għaqda sħiħa ma’
Pietru u mal-Knisja universali. B’dan il-mod tkunu dejjem lejali lejn Kristu.
3.Malta hija fiċ-ċentru
tal-Mediterran. Għalhekk, intom għandkom vokazzjoni unika li tkunu
bennejja tal-pontijiet bejn il-popli tal-baċir tal-Mediterran, bejn
l-Afrika u l-Ewropa. Il-futur tal-paċi fid-dinja jiddependi fuq li
jissaħħaħ id-djalogu u l-ftehim bejn il-kulturi u
r-reliġjonijiet. Komplu fit-tradizzjonijiet tagħkom ta’ ospitalità, u
komplu fl-impenn nazzjonali u internazzjonali tagħkom b’risq il-libertà,
il-ġustizzja u l-paċi.
|